San Marcellus iċ-Ċenturjum, martri, tielet seklu


Għeluq snin l-Imperatur Maximian Herculeus, fis-sena 298, kien iċċelebrat b’festi solenni mhux tas-soltu.  Marcellus, ċenturjun nisrani u kaptan fil-leġjun ta’ Trajanu, dak iż-żmien kien stazzjonat fi Spanja.  Biex ma jniġġisx lilu nnifsu b’dawk l-affarijiet mistkerrħa kontra r-reliġjon, ħalla r-riġment tiegħu, filwaqt li stqarr li huwa kien suldat ta’ Ġesù Kristu, is-Sultan etern.  Huwa kien mill-ewwel kien mitfugħ il-ħabs.

Meta ntemmu l-festi, Marcellus inġab quddiem l-imħallef, u wara li stqarr il-fidi tiegħu, ntbagħat taħt  għassa stretta għand Aurelian Agricolaus, li kien il-vigarju tal-prefett tal-praetorium, u dan qatagħhielu għal mewt.  Marcellus kien mill-ewwel meħud biex ikun maqtul, u qatgħulu rasu fit-30 ta’ Ottubru.

Cassian, li kien is-segretarju tan-nutar tal-qorti, ma riedx jikteb is-sentenza li ngħatat kontra l-martri, għaliex ma kenitx ġusta.  Huwa ttieħed malajr fil-ħabs, qatgħulu rasu, xi xahar wara, fit-3 ta’ Diċembru.



San Narcissus, isqof, tieni Seklu


San Narcissus kien ikkonsagrat isqof ta' Ġerusalemm għal ħabta tas-sena 180,  meta hu kien diġa raġel xiħ.  Alla wettaq ħafna mirakli permezz tiegħu, li baqgħu imfakkra għal ħafna żmien mill-Insara ta’ Ġerusalemm.

Darba f’Sibt il-Għid, l-insara fil-knisja kellhom problema kbira, għaliex ma setax jinstab żejt għal-lampi li kienu jintużaw waqt il-festa tal-Għid.  San Narcissus talabhom itellgħu l-ilma minn bir fil-qrib, u wara li talab fuqu, qalilhom biex iferrgħuh fil-lampi.  Dak l-ilma kien mibdul f’żejt, u ftit minnu kien baqa ppreservat f’Ġerusalemm għal ħafna żmien wara, b’tifkira ta’ dan il-miraklu.

Iżda l-istess ħajja tajba ta’ dan il-qaddis għamlitlu l-għedewwa.  Tlett irġiel mill-agħar xlewh b’delitt faħxi.  Huma saħħew ix-xhieda tagħhom billi talbu li jekk kienu qed jigdbu jiġrulhom ħwejjeġ tal-biża’.  L-ewwel wieħed talab li jkun meqrud bin-nar; it-tieni li jintemm bil-ġdiem; u t-tielet  li jgħama.

L-isqof kien ilu jixtieq ħajja għall-kwiet, u għalhekk bil-moħbi telaq fid-deżert u ħalla l-Knisja fis-sliem.  Iżda Alla stess xehed għall-qaddej tiegħu, għax dawk li xlew lill-isqof ġarrbu s-saħtiet li kienu talbu fuqhom infushom.  Imbagħad Narcissus reġa’ lura Ġerusalemm u reġa’ ħa postu bħala isqof u baqa’ hekk sakemm miet wara li għex sa għomor twil ħafna.