San Narcissus kien ikkonsagrat isqof ta' Ġerusalemm għal ħabta tas-sena 180, meta hu kien diġa raġel xiħ. Alla wettaq ħafna mirakli permezz tiegħu, li baqgħu imfakkra għal ħafna żmien mill-Insara ta’ Ġerusalemm.
Darba f’Sibt il-Għid, l-insara fil-knisja kellhom problema kbira, għaliex ma setax jinstab żejt għal-lampi li kienu jintużaw waqt il-festa tal-Għid. San Narcissus talabhom itellgħu l-ilma minn bir fil-qrib, u wara li talab fuqu, qalilhom biex iferrgħuh fil-lampi. Dak l-ilma kien mibdul f’żejt, u ftit minnu kien baqa ppreservat f’Ġerusalemm għal ħafna żmien wara, b’tifkira ta’ dan il-miraklu.
Iżda l-istess ħajja tajba ta’ dan il-qaddis għamlitlu l-għedewwa. Tlett irġiel mill-agħar xlewh b’delitt faħxi. Huma saħħew ix-xhieda tagħhom billi talbu li jekk kienu qed jigdbu jiġrulhom ħwejjeġ tal-biża’. L-ewwel wieħed talab li jkun meqrud bin-nar; it-tieni li jintemm bil-ġdiem; u t-tielet li jgħama.
L-isqof kien ilu jixtieq ħajja għall-kwiet, u għalhekk bil-moħbi telaq fid-deżert u ħalla l-Knisja fis-sliem. Iżda Alla stess xehed għall-qaddej tiegħu, għax dawk li xlew lill-isqof ġarrbu s-saħtiet li kienu talbu fuqhom infushom. Imbagħad Narcissus reġa’ lura Ġerusalemm u reġa’ ħa postu bħala isqof u baqa’ hekk sakemm miet wara li għex sa għomor twil ħafna.
No comments:
Post a Comment