Fr. Luis Kondor S.V.D.

Ħajja mogħtija għar-Ragħajja ż-Żgħar

Minn “Bulletin of the Little Shepherds”
Fr. Luis Kondor SVD, il-Viċi-Postulatur tal-Kawża għall-Kanonizzazzjoni tal-Beati Franġisku u Ġaċinta Marto, miet ġewwa Fatima fit-28 ta’ Ottubru 2009 fl-età ta’ 81 sena.  Il-funeral sar fit-30 ta’ Ottubru fil-Knisja tal-Iktar Imqaddsa Trinità ġo Fatima, immexxi mill-isqof ta’ Leiria-Fatima, Dom Antonio Marto flimkien ma’ iktar minn 150 kon`elebrant, u ġemgħa ta’ madwar 2500 ħbieb u membri tal-familja.   Huwa ndifen fiċ-ċimiterju ta’ Fatima fil-qabar tal-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina.
Fr. Kondor twieled fl-Ungerija, fit-22 ta’ Ġunju 1928.  Huwa temm it-tagħlim sekondarju fl-1946, meta r-Russi nvadew l-Ungerija.  Fl-20 ta’ Awwissu 1946 ingħaqad mal-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina, u fl-1948 għamel l-ewwel voti reliġjużi meta beda l-istudji tal-filosofija.  B’ubbidjenza għas-superjuri, fl-1949 ħarab lejn l-Awstrija, f’Mödling u wara f’Salzbourg, minħabba l-invażjoni tal-Awstrija, mir-Russi; u fl-aħħar, fl-1950 fittex kenn fil-Ġermanja.
Kien ordnat sa`erdot fit-28 ta’ Awwissu 1953 fil-Ġermanja.  Wara ntbagħat Fatima fejn wasal fid-19 ta’ Novembru 1954.  Għamel erba’ snin viċi-rettur tas-seminarju, waqt li ta ruħu wkoll għall-ħidma tal-vokazzjonijiet għal nofs it-tramuntana tal-Portugal.  Fit-8 ta’ Lulju 1956 kellu l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ma’ Swor Luċija; li wara, bħala Viċi-Postulatur, seta’ jżurha meta jrid.
Fl-1960, akkumpanja lill-isqof D. João Pereira Venâncio fuq vjaġġ ta’ xahrejn biex iżur diversi pajjiżi Ewropej, li wara talbu jibda ħidma part-time għad-djoċesi ta’ Leiria.

Ħeġġa għat-tixrid tal-messaġġ ta’ Fatima

Fil-Milied tal-1960 kien nominat Viċi-Postulatur għall-kawża tar-Ragħajja ż-Żgħar, u fid-19 ta’ Marzu 1961 ħa l-ġurament tal-kariga li kellu jibqa’ jżomm sakemm miet.  Mill-1963 beda jippubblika l- Bulletin of the Little Shepherds f’seba’ lingwi, bla waqfien għal 47 sena, bil-għan li jxerred iktar l-għarfien kemm tal-ħajjiet taż-żewġ Ragħajja Żgħar kif ukoll il-progress tal-proċess tal-kanonizzazzjoni.
Biex issir magħrufa iktar il-fama ta’ qdusija tar-Rag]ajja ż-Żgħar, l-isqof tad-djoċesi awtorizza l-publikazzjoni tal-Memoirs ta’ Swor Luċija.  Fr. Kondor kien qaleb dawn il- Memoirs f’diversi lingwi, u bagħathom mad-dinja kollha, inklużi l-pajjiżi taħt il-ħakma komunista ateja.  Huwa sab mezz kif, bil-moħbi, jibgħat ukoll magħhom ħafna xbihat tal-Madonna ta’ Fatima lil diversi pajjiżi taħt il-ħakma Sovjetika.
Bis-saħħa tiegħu, għal ħafna snin, il-Knisja fil-Portugal irċeviet għajnuna finanzjarja kbira mill- Welt-kirche ta’ Cologne u mill Europäischer Hilisfonds.  Bl-għajnuna tal-Kardinal Meisner ta’ Cologne, huwa ndaħal biex il-Papa Ġwanni Pawlu II jmur Fatima biex jibbeatifika lir-Ragħajja ż-Żgħar fit-13 ta’ Mejju 2000.
F’Marzu 2004, b’rikonoxximent tal-preżenza tiegħu fil-Portugal ingħata ġiegħ mill “Aid to the Church in Need”, u fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju saċerdotali tiegħu huwa qal hekk: “Sa minn meta kont għadni tifel, ridt insir qassis.  Il-ġenituri tiegħi bagħtuni border fi skola stretta sabiex jagħmluni raġel.  Jien dħalt fil-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina fl-età ta’ 18 il-sena, sabiex inkun nista’ nsir missjunarju.  Biex nagħmel dan, kelli nħalli pajjiżi, u kont ordnat qassis fl-età ta’ 25 sena.  Għaddew 50 sena minn dak in-nhar.  Jekk illum inħares lura u niftakar f’dawn is-snin ta’ ħajti, nista’ niżgurakom li jien ferħan fil-vokazzjoni tiegħi, u niżgurakom li jaqbel li tagħti ruħek u tafda lilek innifsek lil Ġesù Kristu, u li taħdem għat-tixrid tas-Saltna ta’ Alla.”
Fit-18 ta’ Jannar 2006 irċieva mill-President tal-Portugal l-insinja tal “Ordem de Cemendador”.
Meta kienet diġà naqsitlu saħħtu fl-2009 huwa qiegħed il-Memoirs ta’ Swor Luċija f’ 19 il-lingwa fuq il-website tar-Ragħajja ż-Żgħar www.pastorinhos.com/, biex aktar nies, mad-dinja kollha, jkunu jistgħu jaqraw dan il-ktieb.