Il-Beatu Farnġisku Marto


Il-Beatu Franġisku twieled f’Aljustrel, raħal fid-distrett ta’ Fatima, fit-3 a.m. tal-11 ta’ Ġunju 1908.  Għammduh disgħat ijiem wara, fl-20 ta’ Ġunju 1908.  Il-ġenituri tiegħu, Manuel Pedro Marto (1873 – 1957) u Olimpia de Jesus (1864 – 1956) kienu Insara devoti, b’dik il-fidi sħiħa u sempliċi li tikkaratterizza lin-nies tajba tal-kampanja.
F’ittra datata 7 ta’ Settembru 1917, l-avukat żagħżugħ, Dr Carlos de Azevedo Mendes, wara li tkellem ma’ Franġisku matul iż-żmien tad-dehriet, iddeskrivih hekk: “bil-beritta tas-suf imdeffsa l-isfel sew ġo rasu, bil-ġakketta qasira ħafna, l-qmis ħierġa minn taħt il-ġakketta, l-qalziet issikkat, kien qisu raġel żgħir.  Tifel gustuż.  Wiċċu ferrieħi u mqareb.  Huwa wieġeb mill-ewwel għall-mistoqsijiet tiegħi”.
Xi xahrejn u ftit ġimgħat wara, jiġifieri wara l-aħħar dehra, l-Baruni ta’ Alvaiázere, Dr Luís António Vieira de Magalhães e Vasconcelos, matul iż-żjara tiegħu f’Fatima ukoll ħallielna deskrizzjoni ta’ Franġisku, li ġġib dik id-data.  Iddeskrivih hekk: “Kien tifel ta’ bejn l-10 u t-12 il-sena, liebes skond id-drawwa ta’ tfal tal-kampanja.  Kien jidher għalkollox ferrieħi u bla nkwiet ta’ xejn.  Aħna tlabna lit-tfajjel żgħir biex jiġi magħna.  Hu aċċetta mill-ewwel, u bi tbissima qabeż għal ġol-karozzza li konna qed insuqu.  Aħna staqsejnih numru ta’ mistoqsijiet iżda hu iktar tbissem milli tkellem.  Huwa deher li kien mistagħġeb bil-partijiet differenti tal-karozza”.
Mid-deskrizzjoni li ħalliet Sr Luċija, aħna nafu li hu kien iħobb l-għasafar, iħobb idoqq il-flawt u kien iħobb ikanta.  Huwa kien iħobb il-fanali tal-Anġli.  Iżda xejn ma kien isaħħru iktar minn tlugħ u inżul ix-xemx.  Sakemm kien ikun baqa’ xi ħjiel ta’ nzul ix-xemx, hu ma kienx iħabbel moħħu biex iħares ħalli jara jekk xi fanali tal-Anġli kienux inxtegħlu.
Fliemkien ma’ oħtu Ġaċinta ta’ seba’ snin, u l-kuġina tiegħu Luċija ta’ 10 snin, Franġisku ra żagħżugħ ta’ xi 14 jew 15 il-sena fuq il-għolja qrib id-dar tiegħu fir-rebbiegħa tal-1916.  Iż-żagħżugħ kien iktar abjad mis-silġ li fid-dawl tax-xemx kien jidher trasparenti bħallikieku kien tal-ħġieġ, u kien sabiħ ħafna.  Kien l-Anġlu tal-Paċi li kellimhom u għallimhom jitolbu, filwaqt li qal li l-Qlub ta’ Ġesu u ta’ Marija kienu attenti għall-leħen tat-talb ta’ interċessjoni tagħhom.  Kien hemm żewġ laqgħat oħra ma’ l-Anġlu.
Xi xhur wara, f’nofs in-nhar ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju, huma raw fil-Cova da Iria, fuq siġra tal-ballut, Mara liebsa l-abjad, tiddi iktar mix-xemx, u li kien ħiereġ minnha dawl iktar ċar u qawwi milli minn tazza tal-kristall mimlija bl-ilma safi, meta ir-raġġi tax-xemx jgħaddu minn ġo fiha.
Il-Mara staqsiethom: “Intom tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu t-tbatijiet kollha li hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għaddnubiet li bihom huwa offiż, u li titolbu għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu”, wieġbet Luċija, f’isem it-tlieta li kienu.
Bi tweġiba għat-talbiet ta’ l-Anġlu u tal-Mara, li dehritilhom ħames darbiet oħra, Franġisku ddedika lilu nnifsu għalkollox għal-missjoni tiegħu.
L-investigazzjoni kanonika rigoruża rrikonoxxiet l-erojċità tal-ħajja qasira tiegħu.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II għolla lil Franġisku u lill-oħtu ż-żgħira Ġaċinta għall-qima tal-altar, wara li nqala’ miraklu bl-interċessjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta.  Matul iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tagħhom, il-Papa qal li huma kienu tqiegħdu fuq il-gandlier li Alla kien xegħel biex jagħti d-dawl lill-umanità waqt is-siegħat ta’ dlam u dubji tagħha”.
Ħalli huma jiddu issa dejjem iktar bid-dija tal-eżempju tagħhom, bil-mod kif wieġbu għas-sejħa għall-konverżjoni u biex ipattu għall-offiżi magħmulin kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.  Fil-prattika tad-devozzjoni tagħna lejhom, aħna msejħin biex kontinwament nimitaw il-virtujiet tagħhom u biex nitolbu l-interċessjoni tagħhom b’fiduċja dejjem ikbar waqt id-diffikultajiet tal-ħajja tagħna.
Alla għoġbu jagħti ħafna grazzji lil dawk li rrikorrew lejh bl-interċessjoni tal-Beatu Franġisku.  Madankollu, jixraq li meta nitolbu l-għajnuna tagħhom, it-talb tagħna jkun indirizzat kemm lil Fanġisku u lil Ġaċinta, għaliex jonqos miraklu bl-interċessjoni tagħhom it-tnejn biex ikunu dikjarati qaddisin.