It-twelid ta' Ġesù Kristu - Il-Milied











Mill-Evanġelju skond San Luqa  (Lq:2:1 - 21)

It-twelid ta' Ġesù Kristu  (Lq:2:1 – 7)

F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha.  Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.  U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.  Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tela' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.  Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Ir-rgħajja u l-Anġli   (Lq:2:8 – 20)

F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom bil-lejl.  U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża' kbir.  Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu.  Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, l-Mulej.  U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura."  F'daqqa waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta' qtajja' tas-sema, jfaħħru lil Alla u jgħidu:
"Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!"

Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, r-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: "Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej."  Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura.  Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja.  Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.  Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, jsebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Iċ-ċirkunċiżjoni   (Lq:2:21)

Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.



Mill-Evanġelju skond San Mattew   (Mt:1 - 2:12)

L-antenati ta' Ġesù Kristu   (Mt:1:1 – 17)

Ktieb in-nisel ta' Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.  Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaz nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lis-sultan David.
David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil Manasse, Manasse nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f'Babel.
Wara l-eżilju f'Babel, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud, Eliħud nissel lil Elgħazar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, r-raġel ta' Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija.
Mela n-nisel kollu kien: minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sa l-eżilju ta' Babel, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta' Babel sal-Messija, erbatax-il nisel.

It-twelid ta' Ġesù Kristu   (Mt:1:18 – 25)

It-tnissil ta' Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma' Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu.  Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust, ma riedx ixandarha quddiem kulħadd; u għalhekk għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.  Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.  Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom."  Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
'Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El.’
li bi lsinna jfisser ‘Alla magħna’.  Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.  Imma baqa' ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.

Iż-żjara tal-maġi  (Mt:2:1 – 12)

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?  Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nadurawh."  Is-sultan Erodi sema' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu.  Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija.  U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk kien kiteb il-profeta:
'U int, Betlehem, art ta' Ġuda,
le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda,
għax minnek joħroġ mexxej
li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom f’Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nadurah."  Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel.  Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ tassew kbir.  Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art jadurawh; fetħu t-teżori tagħhom u bħala rigali offrewlu deheb, inċens u mirra.  Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, qabdu triq oħra u reġgħu lura lejn arthom.



Mill-Evanġelju skond San Ġwann  (Ġw:1 - 18)

Il-Verb sar bniedem  (Ġw:1:1 – 18)

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma' Alla, u l-Verb kien Alla.  Hu kien fil-bidu ma' Alla.  Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.  Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.  Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen.  Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja.  Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx.  Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f'ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.  U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, l-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.  Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: "Dan hu li għalih għedtilkom, 'Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.'"  Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.  Alla ta l-Liġi permezz ta' Mosè imma l-grazzja u l-verità  seħħew permezz ta' Ġesù Kristu.  Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta' Alla, li hu fi ħdan il-Missier.



No comments:

Post a Comment