Beata Marija Adeodata Pisani




Il-203 anniversarju mit-twelid tal-Beata  Marija Adeodata Pisani OSB ġie mfakkar fid-29 ta' Diċembru 2009 mis-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura tal-Monasteru San Pietru  fl-Imdina biċ-ċelebrazzjoni ta' Quddiesa bl-omelija fuq il-Beata.
Il-Beata Marija Adedodata Pisani twieldet fid-29 ta' Diċembru 1806 ġewwa Napli.  Hi kienet l-unika bint tal-Baruni Malti, Benedittu Pisani Mompalao Cuzkeri u Vincenza Carrano, bint nutar Naplitan.  Tgħammdet ukoll dak in-nhar fil-knisja Parrokjali Naplitana ta’ San Mark ta’ Pizzofalcone, u semmewha Marija Tereza.
Tfulitha la kienet ħienja u lanqas trankwilla.  L-ewwel għoxrin sena ta’ ħajjitha Marija Tereża għaddiethom f’Napli.  Missierha, l-Barruni Benedittu Pisani kellu qalbu tad-deheb u kien jagħti il-karità, imma kien ukoll mogħti għas-sokor, il-ħala u l-logħob tal-flus.  Imbagħad kien hemm:
¨      is-separazzjoni tal-ġenituri,
¨      it-trobbija iebsa għand nannitha, omm missierha, Donna Eliżabetta Mamo,
¨      it-trattament ħażin mingħand is-seftura, li rriżultat f’difett fiżiku permanenti fi spallitha,
¨      il-mewt ta' nannitha, meta Marija Tereża kellha għaxar snin, u
¨      l-edukazzjoni bħala border bid-dixxiplina li tmur magħha fil-Kulleġġ tal-Madonna tal-Mirakli, ġewwa Napli.
Imbagħad, bejn 1820 – 1821, missierha kien imdaħħal f’rewwixta kontra r-Re Ferdinandu I ta' Napli.  Huwa nqabad priġunier iżda minħabba li kien Malti  u għalhekk ċittadin Ingliż ma setgħux jikkundannawh għall-mewt.  Minflok hu safa mkeċċi lejn Malta u mar joqgħod ir-Rabat ħdejn il-knisja ta' Santu Wistin.   Wara  Marija Tereża w ommha wkoll ġew Malta u kienu joqgħodu fir-Rabat mal-familja Bonici Mompalao li kienu jiġu minnhom.
San Girgor ta' Nissa jgħallem li aħna b'ċertu mod bid-deċiżjonijiet li nieħdu nsiru l-ġenituri tagħna nfusna, jiġifieri nerġgħu nnisslu lilna nfusna bid-deċiżjonijiet li nieħdu.  Għalkemm kellha trobbija u żogħżija bħal dik, bil-pariri u d-deċiżjonijiet li ħadet hija għexet ħajja li wasslitha għall-qdusija.
Kienu dawn id-deċiżjonijiet li wasslu lil Marija Tereża biex fl-1929 tingħaqad mas-sorijiet Benedittini tal-Imdina fil-monasteru ta' san Pietru fejn ħadet l-isem ta' Marija Adeodata.  Hemmhekk semgħet il-kliem ħelu ta’ San Benedittu fil-Prologu tar-regola: “Isma’ ibni mit-tagħlim tal-Imgħallem, u iftaħ il-widnejn ta’ qalbek; ilqa’ l-pariri ta’ missierek li jħobbok u wettaqhom”.  U biex tobdi dan il-kliem ta’ San Benedittu batiet ħafna ħalli r-Regula tingħex fil-milja kollha tagħha.  Hemm għaddiet 27 sena u okkupat diversi karigi ta’ mportanza fosthom dawk ta’ Majjistra tan-Novizzi u Badesssa.  Hija twieldet għas-sema  meta  mietet fil-25 ta’ Frar 1855.
L-istorja ta’ ħajjet il-Beata Marija Adeodata turina li kif jgħallem San Pawl,  Alla jbiddel kollox għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh. Mill-ħajja tal-Beata Marija Adeodata nistgħu nisiltu tlett tagħlimiet:
  1. Li nieħdu r-responsabiltà li f’ħajjitna nfittxu lil Alla jiġri x’jiġri
Qatt ma għandek titħassar lilek innifsek u toqgħod twaħħal fl-oħrajn dwar iċ-ċirkostanzi ta’ ħajtek.  Fi kliem ieħor erfa’ r-responsabiltà tiegħek u biddel dak li tista’ fik l-ewwel.  Hekk għamlet il-Beata Adeodata ma’ missierha u ommha u wkoll fil-komunità tal-monasteru.
Wieħed għandu jistaqsi jekk hux verament qed ifittex lil Alla.  Irid  jistaqsi lilu nnifsu: Għalija, Alla jiġi l-ewwel?  Bl-għemil tiegħi, jien il-ħin kollu qed infittex lil Alla?  Wieħed ma għandux iġib skużi minħabba x-xogħol, il-knisja, dak jew l-ieħor ... !  Alla għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.  Alla jrid ikollu l-ewwel post f'ħajjitna.
  1. It-Talb
Mingħand in-nanna tagħha, mill-kulleġġ, u mingħand ommha tgħallmet it-talb u d-devozzjoni lejn Ġesù u Marija.  Fil-monasteru ta’ San Benedittu l-ħajja tat-talb tagħha sabet il-milja tal-perfezzjoni.  Waħda mit-talbiet tagħha kienet:  O Ġesù għallimni nħobbok bil-qalb ta’ Marija.  O Marija għallimni nħobbok bil-qalb ta’ Ġesù.
San Benedittu jgħallem kif għandu jkun it-talb: mhux b’leħen għoli, iżda bid-dmugħ f’għajnejh u l-ħrara kollha (Regola, 52); Meta nitlobu xi ħaġa mingħand xi personalità, nagħmlu dan b’umiltà u rispett; mela b’kemm umiltà akbar u qima safja għandna nitolbu lil Alla, Sid il-ħlejjaq kollha (Regola. 20).  Dak li jkun għaddej mill-qalb u dak li ħiereġ mill-fomm għandu jkun l-istess.
Fl-Atti tal-Beatifikazzjoni naqraw li Adeodata kienet tkun dejjem l-ewwel waħda li tasal fil-kor u dejjem l-aħħar waħda li titlaq mill-kor.  Hija kienet tgħożż il-kliem tar-Regola li jgħid li:  Xejn m’għandu jiġi qabel l-Uffiċċju Divin, jiġifieri li t-talb għandu jiġi qabel kull ħaġa oħra.
  1. Li naraw lil Kristu f’kulħadd
Mill-qalb tajba ta’ missierha il-Beata Adeodata tgħallmet il-karità lejn il-foqra.  Fil-monasteru kompliet titgħallem kif u għaliex għandha tagħmel dan, u hemm iltaqgħet mal-prinċipju sabiħ fir-Regola ta’ San Benedittu: Ilqa’ lil kulħadd bħalikieku lil Kristu:
Illum il-Beata Marija Adeodata Pisani qiegħeda tispirana għall-ħajja  bbażata fuq:
¨      responsabiltà sħiħa li permezz tagħha nfittxu lil Alla b’qalbna kollha,
¨      li n-nifs ta’ ħajtna jkun it-talb,
¨      li naraw lil Kristu fl-oħrajn u nservuh fl-oħrajn, speċjalment fil-foqra.

No comments:

Post a Comment